It-Tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra

Il-fdalijiet massivi ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra jinsabu fuq medda ta’ blat fuq il-kosta lejn ilbiċ ta' Malta, jagħtu għal fuq il-baħar faċċata tal-gżira diżabitata ta’ Filfla, 4.8 kilometri ‘l bogħod. Din il-medda hija magħmula minn żewġ tipi ta' ġebla tal-franka: dak t’isfel u qawwi (ġebel griż tal-ġir korallina) li minnu nbniet l-Imnajdra, u dak tal-wiċċ u aktar artab (ġebel ċar tal-ġir globiġerina) li minnu nbena Ħaġar Qim.

L-isem Ħaġar Qim ifisser "ġebel wieqaf" u qabel l-iskavi ta' dawn il-fdalijiet, kull ma kien jidher kien borġ ta’ ħamrija li minnha kienu jidhru biss il-parti ta’ fuq tal-ġebel l-aktar għoli. Dan it-tempju jidher li nbena f’diversi fażijiet bejn is-sena 3500 QK u s-sena 2900 QK. Il-ħitan tal-franka globiġerina ratba bagħtiet minħabba t-temp tul il-millennja, u l-bennejja tat-tempji li ġew wara użaw il-ġebla aktar iebsa tal-franka korallina, bħal dik li hemm fil-kumpless tal-Imnajdra ftit aktar l-isfel. L-ewwel li saru skavi tal-fdalijiet fi żminijiet kontemporanji kien fl-1839. Skavi li saru fl-1885 u l-1910 wasslu għal stħarriġ dettaljat tas-sit t-tiswija ta' wħud mill-istrutturi bil-ħsara.

Il-kumpless ta’ tempji fl-Imnajdra jinsab madwar 500 metru fil-punent ta’ Ħaġar Qim, eqreb lejn it-tarf tal-promontorju li jħares lejn il-baħar. L-Imnajdra jikkonsisti f'żewġ binjiet: tempju prinċipali b'żewġ swali ellissojdali u tempju iżgħar b’sala waħda. Fost użi oħra li seta’ kellhom, it-tempji tal-Imnajdra setgħu intużaw ukoll għal osservazzjoni astronomiċi u ta’ kalendarju. L-entratura prinċipali tiffaċċja lvant u, matul l-ekwinozju tar-rebbiegħa u tal-ħarifa equinoxes, l-ewwel raġġi ta' dawl jaqgħu fuq ċangatura tal-ġebel li hemm fuq il-ħajt ta' wara tat-tieni sala. Matul is-solstizju tax-xitwa u tas-sajf, l-ewwel raġġi tax-xemx idawwlu l-kantunieri ta' żewġ pilastri tal-ġebel fil-passaġġ li jgħaqqad is-swali prinċipali.

Graham Hancock, fil-ktieb affaxxinanti tiegħu“Underworld: The Mysterious Origins of Civilisation”, jagħti nformazzjoni aktar preċiża dwar dawn l-allinjamenti.

Meta x-xemx tixfaq fuq l-orizzont fl-ekwinozji tar-rebbiegħa u tal-ħarifa, il-21 ta' Marzu u l-21 ta’ Settembru (meta l-lejl u l-jum ikunu ta' tul indaqs), ir-raġġi tagħha jaqsmu b’mod eżatt l-entratura enormi bi tlett ġebliet tat-tempju t’isfel fl-Imnajdra, u jitfgħu ponta dawl ġo niċċa żgħira fid-daħliet l-aktar fondi tal-kumpless megalitiku.

Fis-solstizju tax-xitwa (l-20 u l-21 ta’ Diċembru, l-iqsar jum), ir-raġġi tax-xemx jitfgħu xbieha maqsuma li tidher bħal siluwett imdawwal ta’ mannara jew ta’ bandiera li qed ittir fuq arblu. Din ix-xbieha tidher proġettata fuq ġebla kbira, li hu stmat li tiżen 2.5 tunnellata, li qegħda wieqfa lejn in-naħa ta’ wara tal-ħajt tal-punent tal-apsidi tat-tramuntana tat-Tempju ta’ isfel.
 
Fis--solstizju tas-sajf (l-20 u l-21 ta’ Ġunju, l-itwal jum), l-istess xbieha maqsuma tidher, iżda issa bil-bandiera ttir lejn id-direzzjoni opposta, din id-darba fuq ġebla oħra li tiżen 1.6 tunnellata u li tinsab fuq wara tal-ħajt tal-punent tal-apsidi tat-nofsinhar tat-Tempju t’isfel.
 
Bħat-tempju tal-Imnajdra,dak ta’Ħaġar Qim joffri diversi allinjamenti tas-solstizju tas-sajf. Waħda minnhom, fis-sebħ, tidher fuq naħa tal-istruttura li tħares lejn il-grigal, fejn ir-raġġi tax-xemx jgħaddu minn dik li tidher bħala t-toqba tal-oraklu u tipproġetta xbieha ta’ disk, li d-daqs tiegħu hija bejn wieħed u ieħor daqs kemm jidher kbir il-qamar, fuq ġebla li qegħda fid-daħla tal-apsidi ta’ ġewwa. Waqt li jgħaddu l-minuti, id-disk isir nofs qamar, imbagħad jitwal daqs ellissi, imbagħad jitwal aktar sakemm fl-aħħar ma jibqax jidher bħallikieku daħal fl-art. Allinjament ieħor iseħħ meta tinżel ix-xemx, fuq in-naħa tal-majjistral tal-tempju, meta x-xemx taqa fuq qatgħa fuq xifer fil-bogħod fuq l-istess linja tal-perimetru tat-tempju.
 
Sa llum, ftit kienet dik ir-riċerka serja li studjat l-allinjamenti astronomiċi tat-tempji Maltin. Hu probabbli li aktar riċerka tiżvela għadd ta' orjentazzjonijiet astronomiċi oħra. Fatt sorprendenti, iżda, li diġa ħareġ mill-istudji li saru s'issa iqiegħed it-tempji fi żmien imkejjel permezz tal-astronomija u l-matematika li hu eqdem minn dak imkejjel mill-arkeoloġija konvenzjonali b’ħafna eluf ta’ snin. Kif jikteb Hancock, huwa magħruf tajjeb li l-punti fejn titla x-xemx fis-solstizji mhumiex stabbli, iżda jvarjaw skond l-angolu li jvarja tal-assi tad-dinja mal-linja ta’ kif iddur madwar ix-xemx. Dawn il-bidliet huma teknikament magħrufa bħala l-"oblikwita tal-eklittika" (u li bħalissa huma fil-medda ta' 23 grad 27 minuti) iseħħu matul ċiklu twil ta' aktar minn 40,000 sena u,  jekk l-allinjament huma biżżejjed qodma, huma jkollhom livell ta' żball ikkawżat minn din l-oblikwita. Minn dan l-iżball, huwa possibbli li tiġi kkalkolata d-data eżatta tal-kostruzzjoni tagħhom.

Fil-każ tal-Imnajdra, l-allinjament ta’ llum huwa tajjeb, iżda mhux perfett, għaliex ir-raġġi li jiffurmaw ix-xbieha huma proġettati żewġ ċentimetri ‘l bogħod mit-tarf tal-blata kbira li hemm fuq wara tat-tempju. Madankollu, il-kalkoli juru li meta l- oblikwita tal-eklittika kienet ta' 24 grad, 9 minuti u 4 sekondi, l-allinjament kien ikun perfett, bl-immaġini tifforma eżattament mal-tarf tal-blata. Dan l-allinjament perfett seħħ darbtejn fl-aħħar 15,000 sena: darba fl-3700 QK, u darb'oħra, aktar kmieni, fl-10,205 QK.